Storja tas-Soċjeta’

L-isem Vittoria

Kif wieħed jistenna minn post fejn it-titular tal-paroċċa huwa t-twelid tal-Madonna, l-isem Vittorja, li għalina l-Maltin huwa marbut storikament ma’ din il-festa, huwa l-isem li ngħata lill-ewwel kaiżn soċjali li kien jeżisti. Dan kien il-kazin ta’ l-Artisti, li kien twaqqaf fl-1854 u li kien jiġbor fih nies mir-raħal li kienu xi ftit ta’ l-iskola. Il-membri tiegħu kienu jiltaqgħu fid-dar Nru 15, fi Sqaq 2, fi Triq Santa Luċija.

X’aktarx kienet influwenza Ingliża li ħolqot dawn il-postijiet fejn wieħed kien jista’ jiltaqa’ ma’ oħrajn ta’ l-istess interessi u livell u jaqra gazzetta. Meta wieħed u tletin sena wara twaqqfet banda ġdida l-ewwel kunċerti saru f’dan l-istess lokal u kien żvilupp loġiku li l-banda ħadet l-isem “La Vittoria”. Din iżda ma kelliex ħajja twila għax bħall-baned l-oħra ta’ dak iż-żmien kienet xoljiet fl-1890.

Il-każin ta’ l-Artisti Vittoria, izda baqa’ imwaqqaf żgur sa l-1905. X’aktarx għal din il-ħabta kienet twaqqfet il-“Cumpanija Filodrammatica l-Amicizia” li minnha mbagħad, ftit snin wara, fil-1915/16 twaqqaf il-każin soċjali bl-isem ta’ “Circolo La Vittoria”.

Il-Bidu tal-Każin

Wieħed ma jistax jgħid fiċ-ċert liema kienet id-data tal-bidu tal-każin. Dan għaliex jeżistu kitbiet li jagħtu dati differenti. Meta fil-1954 kien qed jiġi diskuss l-istatut il-ġdid, issemmiet id-data, 1 ta’ Mejju 1916 bħala d-data ta’ meta ġie mwaqqaf il-każin. Ta’ min jgħid li sa dak iż-żmien kienu għadhom jgħixu wħud minn dawk li kienu waqqfu l-każin. Min-naħa l-oħra mill-ktieb tal-kontijiet jew kontribuzzjonijiet tal-membri li kienu joħorgu xi ħaġa fil-gimgħa, jidher diġa li f’Ottubru ta’ l-1915 kienu bdew iħallsu din il-miżata.

Dan jagħti wieħed x’jifhem li ċ-Circolo kien ġa iffurmat f’din is-sena u kellu numru mdaqqas ta’ membri, 62. Imbagħad l-ewwel kumitat li niltaqgħu miegħu fil-kotba tal-każin huwa dak ta’ l-1916/17. Dan il-kumitat kien iffurmat minn dawn il-membri: Direttur: Giuseppe Stivala, Segretarju: Salvatore Stivala, Kaxxier: Antonio Gauci, Deputati: Francesco Attard, Mose Balzan, Giuseppe Camilleri, Salvatore Galea u Giuseppe Fenech. Dawn huma tliet indikazzjonijiet differenti.

Skopijiet tal-Każin

Fis-snin għoxrin il-każin baqa’ jikber, kemm fin-numru tal-membri li fl-1926 kienu jlaħħqu 188, kif ukoll fl-attivitajiet. L-iskop tal-każin, kif jidher imniżżel fl-istatut, huwa ta’ għaqda soċjali, tejatrali u mużikali. U propju f’dawn is-snin dawn l-iskopijiet kienu l-aktar definiti. L-iskop tejatrali kien forsi dak prinċipali, fis-sens li, il-każin kien ġie ffurmat minn nies li kienu diġa jiffurmaw għaqda tat-tejatrin. Din l-attivita’ baqgħet tikber fil-każin. Għal snin twal il-palk fir-raħal kien l-attivita’ ewlenija ta’ matul is-sena. Kienu jferrħu lil kulħadd bil-buzzetti u fares li kienu jippreżentaw. Din l-attivita’ ħadet daqqa ta’ ħarta bil-ftuħ tat-talkies fis-snin ħamsin iżda ma mietet qatt.
L-iskop soċjali kien qiegħed jintlaħaq bit-tejatrin li kien divertiment għall-familja kollha u bla dubju ta’ xejn attivita’ ta’ valur soċjali kbir.

Iżda fil-każin kien hemm attivitajiet oħrajn li kienu jagħtu żvog lill-membri. Sa mill-bidu nett wieħed irid isemmi r-rabta sħiħa li kien hemm mal-festa tal-Vittorja b’mod speċjali f’dak li hu logħob tan-nar. Saħansitra fis-seduta tas-16 t’Ottubru 1927 kien ġie deċiż li l-ġbir tal-logħob ta’ matul is-sena kollha kellu jkun karigu tal-membri tal-kumitat tal-murtali flimkien mal-membri tal-kumitat tal-każin. Tan-nar kellhom jieħdu 6 xelini minn kull lira li tinġabar. Dan il-ġbir kien jiġi mill-logħob tal-billiard u mill-logħob tal-karti. Tan-nar kienu jiġbru wkoll mill-lotteriji u mill-arbural.

Attivita’ oħra li ukoll bdiet fis-snin għoxrin kienet dik tal-bini tal-karrijiet tal-karnival. Kienet ukoll attivita’ li l-membri tal-każin dejjem ħadu b’interess kbir u b’serjeta’. Ix-xoghlijiet ta’ matul is-snin jixhdu dan biżżejjed. Ta’ min isemmi l-famuża Qroqqa ta’ dawn is-snin. Is-snin tad-deheb Kienu s-snin sittin.

Ġrajjiet il-każin; Snin ta’ Taqlib

Fi żmien il-gwerra l-każin, bħal ħafna djar oħra, intuża mir-refuġjati. Ftit wara, meta n-Naxxar kien tbattal mir-refuġjati, il-każin Vittorja sab ruħu refuġjat f’pajjiżu! Meta kienet kważi ġiet solvuta l-kwistjoni tar-relazzjonijiet mal-każin tal-Banda Peace, meta kien qed jaqbad ir-rittmu normali tiegħu, tfeġġet bħal leħħa ta’ berqa, kwistjoni aktar serja. Il-post kien inxtara minn propjetarju ġdid u dan riedu għar-residenza tiegħu personali. Il-kwistjoni marret il-Qorti, fejn kien ġie deċiż li s-soċjeta’ kellha tħalli l-post. Din id-deċiżżjoni baqgħet ma nbiddlitx anke wara appell. Intant is-soċjeta’ kellha tħalli l-post sat-3 t’Awissu 1949.

Is-snin ta’ wara kienu ta’ qtiegħ il-qalb. Kienu snin diffiċli u ta’ prova. Prova li naħseb li-l-membri ħarġu minnha bl-unuri. Is-soċjeta’ f’dawn iż-żminijiet sabet kenn fil-garaxx kbir tal-Markiz Scicluna quddiem l-istatwa ta’ San Ġuzepp fil-pjazza. Ma kienx il-post ideali iżda almenu l-membri kellhom fejn jiltaqgħu sakemm jinstab post aħjar.

U l-kumitat ma qagħadx lura mill-isforzi tiegħu biex ifittex post aħjar. F’Diċembru 1950, is-Segretarju tal-każin kiteb lill-Ministru kkonċernat fejn talbu biex kif titbattal l-iskola elementari tal-bniet, meta l-iskola l-ġdida tkun lesta, jkunx possibbli li l-Gvern jikri l-lokal lis-soċjeta’. Ma kinitx ħaġa faċli, u kellhom jgħaddu s-snin. Il-kumitat baqa’ jitlob fuq l-istess argumenti li l-gvern issa kellu żewġ skejjel u fuq il-fatt ċar li l-garaxx ma kienx il-post ideali biex jilqa’ fih soċjeta’.

Fl-24 ta’ Mejju 1952 reġgħet saret talba formali. Kellhom jgħaddu sena u nofs oħra sa ma fl-aħħar ġie iffirmat kuntratt, fit-12 ta’ Diċembru 1953, bejn il-gvern u l-każin, li kien jikkonsisti fit-trasferiment tal-każin għall-iskola tal-bniet fi triq Santa Luċija. Il-kuntratt kien jorbot lis-soċjeta’ għal żmien ta’ tmien snin bl-ispejjeż preżenti u futuri għall-każin, kif ukoll li t-tiswijiet preżenti kellhom isiru matul l-ewwel ħżmes snin tal-kuntratt.

Fil-Post il-Ġdid

Il-post li s-soċjeta’ daħlet fih għadu sa llum. Kien inbena fl-aħħar snin tas-seklu dsatax biex iservi bħala Qorti Distrettwali, skop li għalih il-bini serva għal żmien qasir għaliex dawn il-Qrati Distrettwali kienu ġew soppressi ftit wara. Bħala skola elementari kien serva għal snin twal.

L-ewwel seduta li saret fil-post il-ġdid kienet dik tas-27 ta’ Dicembru 1953 u l-ewwel seduta ġenerali saret fis-17 ta’ Jannar 1954. Imbagħad fl-14 ta’ Frar saret l-ewwel attivita’ soċjali meta sar festin ad unur l-Arcipriet il-ġdid tal-parroċċa Dun Pawl Said. F’dawn l-ewwel xhur il-kumitat beda jiddiskuti statut gdid. Fix-xhur ta’ wara ttieħdet id-deċiżżjoni li jibdlu l-madum li kien fi stat ħazin ħafna. Dan tlesta qabel il-festa ta’ dik is-sena. Kollox kien jindika li s-soċjeta’ kienet ħadet ħajja ġdida wara raqda furzata fil-garaxx!

Fis-snin ta’ wara sar ħafna xogħol bl-iskop li l-każin jittranġa u jissebbaħ. Iżda ż-żmien malajr itir u t-tmien snin tal-kuntratt kienu waslu biex jagħlqu. Meta wasal ż-żmien tal-ħlas, dan ma ġiex aċċettat. Bdew diskussjonijiet ġodda għal kuntratt ġdid li s-soċjeta’ ħasset kien kemmxejn iebes. Iż-żmien baqa’ għaddej u s-snin baqħu igerbu. Kienet burraxka li ħadet tmien snin biex għaddiet.

Fis-sena 1969 ġie iffirmat kuntratt ġdid b’kundizzjonijiet vantaġġjużi għall-każin. Il-post ingħata lill-każin b’ċens għal ħamsin sena, bil-patt li jsiru xi tiswijiet neċessarji, fosthom il-bjut, fi żmien tliet snin. Diġa’ f’dan iż-żmien kienet issemmiet l-idea li tissaqqaf il-bitħa iżda din ma saritx. Dan ix-xogħol sar ftit tas-snin ilu bi ftuħ ta’ sala kbira għall-loghob fis-sular ta’ isfel.

Żmien tad-Deheb

Għalkemm is-snin sittin kienu snin ta’ qtiegħ il-qalb minħabba il-kuntratt mal-gvern, il-membri tas-soċjeta’ baqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom b’mod speċjali bil-bini ta’ karrijiet tal-karnival. Bejn l-1964 u l-1971 kienu ġarrew kollox. Ħadu l-ewwel premju sitt darbiet fi tmien snin. Kienet inħolqot l-idea li ” Tan-Naxxar ma jgħaddihom ħadd!!” Wara dawn is-suċċessi din l-attivita’ waqfet għal kollox.

Il-Każin u r-Raħal

Il-każin Vittorja dejjem kien minn ta’ quddiem b’inizjattivi fejjieda fir-raħal. Fis-sena 1960 meta Malta kienet qed tiċċelebra ċ-ċentinarju Pawlin, il-kumitat kien bagħat ittra ta’ protesta lill-kumitat tal-festi nazzjonali għaliex ir-raħal ma kien ġie imsemmi f’xejn f’dawn il-festi. Fil-fatt imbagħad kien sar Pontifikat Solenni fuq San Pawl tat-Tarġa.

Inizjattiva oħra li ħarġet mill-każin kienet il-monument tifkira lill-Markiz Scicluna. Dan il-monument illum narawh quddiem il-Palazz Parisio. Il-każin serva wkoll ta’ kenn lil għaqdiet jew gruppi oħra li talbu l-għajnuna. Gruppi tal-Jazz għal snin twal kienu jużaw kamra biex idoqqu. Għaqdiet oħrajn li raw kenn fil-lokal kienu l-Club tal-Ħamiem, is-Cycling Club u n-Naxxar Victorians.

Il-kazin dejjem ta s-sehem tiegħu fil-festa tal-Bambina. Dejjem kienu minn ta’ quddiem fix-xogħol tan-nar. Ta’ kull sena il-każin iżejjen il-faċċata u parti mit-triq Santa Luċija. L-akbar brijju fi żmien il-festa jkun waqt il-marċta’ lejliet lejlietha li tradizzjonalment dejjem għadda minn Triq Santa Luċija fejn jinsab il-każin. Kien dan il-marċ li indirettament wassal għat-twaqqif tal-banda.

Twaqqif tal-Banda

Fl-1986 kien ġie deċiż li dan il-marċ tradizzjonali ma jsirx kif kien isir minn dejjem : minn Triq San Ġwann għal Triq Santa Lucija u jispiċċa fil-pjazza. Kien ser isir fi Vjal 21 ta’ Settembru. Kienet aħbar li ma tantx ġiet milqugħa tajjeb u beda t-tgergir. Grupp ta’ żgħażagħ inagħqdu biex jorganizzaw il-marċ huma. Sabu banda li għal dik is-sena daqqet fil-5 ta’ Settembru flok fis-6. Fl-1987 u 1988 reġgħet daqqet banda barranija iżda l-marċ sar. Fl-1989 kienet twaqqfet il-banda l-ġdida.

Id-deċiżjoni li titwaqqaf banda ġdida kienet ittieħdet fis-seduta ġenerali nhar il-Ħadd 7 ta’ Frar 1988. Dak inhar ġiet imressqa proposta biex l-għaqda Vittorja jkollha l-banda tagħha. Din ġiet approvata. Il-fundatur tas-soċjeta’; is-Sur Guiseppe Stivala kien jaf x’qed jagħmel meta niżżel fl-istatut l-għan mużikali bhala wieħed mill-għanijiet tagħha. Kien qed Iħares ‘il quddiem. Issa dan il-għan kien intlaħaq ukoll. Is-soċjeta’ kienet għamlet pass ieħor importanti fil-ħajja tagħha. Iżda kienet qed tidħol għal piż kbir ukoll.

Din id-deċiżjoni tefgħet responsabbilta’ ġdida u tqila fuq il-kumitat. Li tifforma banda ġdida mix-xejn mhux facli. Iżda ix-xewqa tal-membri riedet tiġi esegwita kif deċiż. Ħarġu l-permessi neċessarji u bdew jinġabru l-finanzi biex tinxtara l-istrumentatura. Intagħzel l-ewwel surmast li kellu jmexxi l-banda; is-Sur Ivan Borg, kif ukoll l-assistent surmast li kellu jieħu ħsieb l-allievi; is-Sur Edwin Pace. F’idejn hekk kapaċi l-banda kellha futur quddiemha. Il-lezzjonijiet lill-allievi bdew fis-26 ta’ Settembru 1989.

Il-banda Vittorja ġiet inawgurata uffiċċjalment fl-1 TA’ Settembru 1989 mill-Onorevoli Ministru ta’ l-Edukazzjoni u kultura; Dr Ugo Mifsud Bonnici. Dik is-sena stess daqqet fil-fest tal-Bambina. In-Naxxar issa kellu żewġ baned biex jagħtu s-sehem tagħhom fil-festa titulari.

Il-Banda Vittoria imxiet ‘l quddiem

Wara li bdiet tieħu sehem fil-festa tar-raħal sa mill-1989, il-banda bdiet tagħmel progress. Fl-1991 ħarġu 10 bandisti ġodda. In-numru ta’ allievi baqa’ jiżdied u baqgħu jinxtraw l-istrumenti għalihom. Fil-festż ta’ l-1992 ħarġu 4 ohra. Sal-1994, ħames snin biss wara it-twaqqif tal-banda kien hemm 35 alliev, kollha bl-istrumenti tagħhom, li 17 minnhom kienu diga’ qed idoqqu regolarment mal-bandisti stabbiliti.

Fil-Milied tas-sena 1992 il-banda kienet ħarġet iddoqq għall-ewwel darba barra mir-raħal meta ħadet parti fil-kampanja “Milied Hieni.” Fit-23 ta’ Dicembru daqqet marċi fi Triq ir-Repubblika fil-belt Valletta. L-istess għamlet fis-snin ta’ wara. Pagna oħra ġdida kien is-sehem tal-banda fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fin-Naxxar fl-1994. Iżda forsi l-akbar suċċess sa issa wasal fl-1995. Il-Kunsill Lokali kien iddeċieda li mal-festa Naxxar li kien qed jorganizza, waħda mill-baned kellha tagħti kunċert sinfoniku. Il-banda Vittorja kellha tagħti l-ewwel wieħed. Fid-19 ta’ Mejju 1995 esegwiet l-ewwel programm mużikali tagħha fis-sala ta’ l-Oratorju.

Kien suċċess kbir. L-attrezzament tal-banda u tal-palk iffurmaw spettaklu tassew grandjuż. U l-bandisti taw interpretazzjonijiet mill-aqwa ta’ xogħlijiet pjuttost diffiċli. Kull min kien preżenti apprezza dan l-isforz kollettiv u awgura li ħaġa bħal dik kellha ssir kull sena. Il-banda Vittoria ħarġet bl-unuri kollha. F’din l-istess sena kienu ħarġu 6 bandisti oħra u fl-1996 żdiedu b’erbgħa. in-numru ta’ l-allievi ukoll baqa’ jiżdied kull sena. Dan wassal għal żvilupp ieħor. F’Diċembru 1996 l-allievi tpoġġew taħt it-tmexxija ta’ żewġ Assistenti Surmastrijiet; is-Sur Edwin Pace għal strumenti tal-qażba u s-Sur Dione Bonniċi għal strumenti tar-ram. Fl-istess xahar il-banda għaddiet taħt it-tmexxija ġdida tas-Surmast Direttur Alfred Farrugia, L(Mus) L.C.M.

Matul il-jiem tal-festa ta’ Marija Bambina, l-banda tagħti ta’ kull sena 5 servizzi. Is-sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgha l-Kbira baqa’ jingħata kull sena kif ukoll fil-jiem tal-Milied. F’Awissu ta’ l-1996 il-banda tat l-ewwel servizz tagħha fil-gżira ta’ Għawdex meta marret iddoqq fis-Sannat.

Il-Kulur l-Aħmar

Huwa fatt aċċettat u loġiku li l-partitarji ta’ kull Għaqda, sew jekk sportiva, politika, mużikali jew ħaġa oħra, jiddistingwu ruħhom billi jxejru l-kulur magħzul mill-Għaqda jew tijm li jirrapprezentaw. Dan jagħmel sens u ma hemm xejn ħazin fih.

Li l-partitarji jxejru bnadar u jilbsu flokkijiet bil-kulur assoċċjat ma’ l-Għaqda tagħhom huwa biss ġest ta’ lealta’ lejn is-Soċjeta’ tagħhom. Għalhekk ma hemmx sens li jsir diskors jew anke xi forma ta’ kritika bhal, “Dan l-aħmar kollu?” jew “Għalfejn dan l-aħmar?” Apparti li l-aħmar hu kulur fih innifsu sabiħ u ħaj, l-aħmar kien magħżul mis-Soċjeta’ u l-għażla ma saritx bl-addoġġ.

Jagħmel ħafna sens li l-kulur magħzul ikun marbut fil-viċin kemm ma’ l-istemma tar-raħal fejn tkun is-Soċjeta’ kif ukoll ma’ l-isem ta’ l-istess Soċjeta’. L-isem ta’ ħafna Soċjetajiet tal-banda f’Malta huwa marbut mat-titular tal-parroċċa. Il-patruna tar-raħal tagħna hija Ommna Marija fl-istadju tat-twelid tagħha – Marija Bambina. Bl-interċessjoni ta’ Marija f’jum il-festa tagħha – 8 ta’ Settembru – seħħew rebħiet kbar fuq l-għedewwa ta’ Malta u tar-Religjon. Għalhekk il-Vittorji. Għal din ir-raġuni din is-Soċjeta’ ġġib l-isem tal-Vittorja – Ir-Rebħa.

Rebħa għar-reliġjon u rebħa għal Malta. Il-bandiera ta’ Malta hija bajda u ħamra, tar-religjon hija bajda u ħamra u tan-Naxxar hija bajda u ħamra. Il-kulur aħmar jispikka! Għalhekk ma setax jonqos li Soċjeta’ msemmija Vittorja u ġon-Naxxar tippreferi l-kulur l-aħmar. Fl-armar tas-Soċjeta’ nsibu Palma li tissinifika r-rebħa, is-Sejf li bih ksibna r-rebħa fil-battalji ħorox u ż-Żebbuġa li tissinifika l-pċiI li ġiet wara r-rebħa. Dan kollu fuq sfond aħmar – il-kulur tal-bnadar ta’ Malta, tan-Naxxar u tar-Reliġjon. L-għażla kienet ovvja.Fil-knisja jeżistu fratellanzi għalkemm naqsu ħafna mill-popolarita’. Il-vjola assoċjat ma’ dik tad-Duluri, l-abjad mal-Madonna tar-Rużarju u l-blu ma’ San Ġuzepp. Fuq l-altar u fuq l-ilbies tas-Saċerdot jintuża l-abjad fil-festi solenni, il-vjola fi żmien penitenzjarju u l-aħmar fil-festi tal-Martri. U dan jagħmel sens ukoll! Il-Martri ċarċru demmhom.

Il-Maltin biex kisbu r-rebħa ċarċru demmhom. Hemm kulur aħjar mill-aħmar li tista’ tassoċjah mad-demm? Wara kollox il-Madonna hija wkoll is-Sultana tal-Martri.
Xi ngħidu għall-jiem il-festa?! Ma’ l-arbli fuq il-bjut u fit-tiżjin jiddominaw bil-kbir bnadar bojod u homor. Il-knisja stess tinkesa b’damask aħmar. Allura tas-Soċjeta’ Vittorja ġon-Naxxar, mhux bir-raġun li jxejru l-aħmar?

Tibdil fl’isem

Kien ilu jinħass il-ħtieġa lis-soċjeta tagħti aktar ġieħ lil-patruna tan-naxxarin, Marija Bambina. L-isem tas-soċjeta’ kien biss ifakkar iġ-ġrajja tar-rebħa tal-gwerer li saru propju f’jum it-twelid ta sidtna Marija.

Membri mis-soċjeta’, ħassew li għandha tiġi mitlubha laqgħa ġenerali straordinarja permess ta petizzjoni iffirmata min aktar min 30 membru, hekk kif mitlub mill-istatut; u jiġi deċiż jekk l’isem tas-soċjeta għandhux jinbidel jew jinżamm hekk kif kien.

Propju il- Ħadd, 28ta’ Lulju 2013, fl’10:15am bdiet din is-seduta, fejn kien hemm 52 membru preżenti u saret diskussjoni dwar din il-proposta. Kien hemm diversi kellimha li staqsgħu fuq x’konsegwenzi jista’ jkun hemm kif ukoll dwar l’għan ewlieni ta’ din il-bidla. Is-sur Anthony Muscat (is-sagristan), li kien wieħed min dawk li organizzaw din il-petizzjoni, fisser l’imħabba li għandha lejn il patruna tagħna in-naxxarin u kif u għaliex is-soċjeta għandha isemmhi isimha għaliha.

Hekk kif is-sur Muscat spiċċa mil ispjega tiegħu, kien hemm ċapċip kbir ta approvazzjoni. Dan ma fisser xejn, peress li min qabel il-president tas-soċjeta Dr. Michael Farrugia, kif ukoll il-viċi president, is-sur Vince Debono, kienu avżaw li id-deċizzjoni għandhi issir b’vot sigriet, it-tieni wieħed li qatt sar fl’laqgħa ta din ix-xorta.

Fl’ 10:48 bdiet il-votazzjoni fejn kul membru preżenti ivvota skond ix-xewqa tiegħu. Fil 10:55, il-votazzjoni ġiet magħluqa u fl’ 10:57, il-president ħabbar li 5 voti kontra u 47 favur, il-propsta għaddiet u issa is-soċjeta tagħna ġiet jisimha; Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar.

Applika biex tingħaqad magħna u Tkun Membru tas-Soċjetà

Attivitajiet li jmiss

Scroll to Top